Personal tools
A Network of Excellence forging the
Multilingual Europe Technology Alliance

Il-Lingwa Maltija Fl-Era Diġitali — Sommarju Eżekuttiv

Matul dawn l-aħħar sittin sena, l-Ewropa saret struttura politika u ekonomika distinta, iżda kulturalment u lingwistikament għadha diversa ħafna. Dan ifisser li mill-Portugiż għall-Pollakk u t-Taljan għall-Islandiż, ta’ kuljum il-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa kif ukoll il-komunikazzjoni fl-oqsma tan-negozju u l-politika hija inevitabbilment ikkonfrontata minn ostakli lingwistiċi. L-istituzzjonijiet tal-UE jonfqu madwar biljun euro fis-sena fuq iż-żamma tal-politika tagħhom tal-multilingwiżmu, jiġifieri, it-traduzzjoni ta’ testi u l-interpretar tal-komunikazzjoni mitkellma. Madankollu, għandu dan ikun ta’ daqsekk piż? It-teknoloġija moderna tal-lingwi u r-riċerka lingwistika jistgħu jkunu ta’ kontribuzzjoni sinifikanti biex jitwaqqgħu dawn l-ostakli lingwistiċi. Meta kkombinati mal-apparati u l-applikazzjonijiet intelliġenti, it-teknoloġija lingwistika tkun fil-futur tista’ tgħin lill-Ewropej jitkellmu ma’ xulxin b’mod faċli u jagħmlu n-negozju ma’ xulxin anke jekk ma jkunux jitkellmu lingwa komuni.

L-ostakli tal-lingwa jistgħu jwaqqfu n-negozju, b’mod speċjali għall-SMEs li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex ireġġgħu lura s-sitwazzjoni. L-unika alternattiva (inkonċepibbli) għal din it-tip ta’ Ewropa multilingwali tkun li tippermetti lingwa waħda biex tieħu pożizzjoni dominanti u tispiċċa tissostitwixxi kull lingwa oħra. Mod klassiku ta’ kif tista’ tegħleb l-ostaklu tal-lingwa huwa li titgħallem il-lingwi barranin. Iżda mingħajr appoġġ teknoloġiku, li tkun taf it-23 lingwa uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u xi sittin lingwa Ewropea oħra huwa ostaklu insormontabbli għaċ-ċittadini tal-Ewropa u l-ekonomija, id-dibattitu politiku, u l-progress xjentifiku tagħha.

Is-soluzzjoni hija li jinbnew teknoloġiji ewlenin li jippermettu dan. Dawn ikunu joffru lill-atturi Ewropej vantaġġi tremendi, mhux biss fis-suq komuni Ewropew iżda wkoll f’relazzjonijiet ta’ kummerċ ma’ pajjiżi terzi, b’mod speċjali l-ekonomiji emerġenti. Biex jintlaħaq dan il-għan u tiġi preservata d-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa, huwa neċessarju li l-ewwel issir analiżi sistematika tal-partikolaritajiet tal-lingwi Ewropej kollha u l-istat attwali tal-appoġġ tat-teknoloġija lingwistika li hawn għalihom. Soluzzjonijiet tat-teknoloġiji lingwistiċi se jservu eventwalment bħala rabta unika bejn il-lingwi tal-Ewropa.

L-għodda ta’ traduzzjoni awtomatizzata u tal-ipproċessar tad-diskors li huma attwalment disponibbli fis-suq għadhom pjuttost lura minn dan il-għan ambizzjuż. L-atturi dominanti f’dan il-qasam huma primarjament l-intrapriżi b’sidien privati għall-profitt ibbażati fl-Amerka ta’ Fuq. Diġà fl-aħħar tal-1970, l-UE rrealizzat ir-relevanza profonda tat-teknoloġija lingwistika bħala sewwieq lejn l-unità Ewropea , u bdiet tiffinanzja l-ewwel proġetti ta’ riċerka tagħha, bħall-EUROTRA. Fl-istess żmien, proġetti nazzjonali ġew imwaqqfa u ġġeneraw riżultati ta’ valur iżda qatt ma wasslu għal azzjoni Ewropea kkonċertata. F’kuntrast ma’ dan l-isforz ta’ finanzjament ferm selettiv, soċjetajiet multilingwali oħra bħall-Indja (22 lingwa uffiċjali) u l-Afrika t’Isfel (11-il lingwa uffiċjali) waqqfu reċentement programmi nazzjonali fit-tul għar-riċerka tal-lingwi u l-iżvilupp tat-teknoloġija.

L-atturi predominanti fit-teknoloġija lingwistika llum jiddependu fuq approċċi ta’ statistika mhux preċiżi li ma jagħmlux użu minn metodi lingwistiċi u għarfien aktar fondi. Per eżempju, is-sentenzi jiġu awtomatikament tradotti billi tiġi kkumparata sentenza ġdida ma’ eluf ta’ sentenzi oħrajn li jkunu ġew tradotti qabel minn umani. Il-kwalità tar-riżultat il-biċċa l-kbira tiddependi fuq l-ammont u l-kwalità tal-kampjun tal-korp disponibbli. Filwaqt li t-traduzzjoni awtomatika ta’ sentenzi sempliċi fil-lingwi b’ammonti suffiċjenti ta’ materjal ta’ testi disponibbli tista’ tikseb riżultati utli, metodi ta’ statistika vojta bħal dawn huma destinati li jfallu fil-każ ta’ lingwi b’korp ta’ kampjuni tal-materjal ferm iżgħar jew fil-każ ta’ sentenzi bi strutturi kumplessi.

Għalhekk l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tiffinanzja proġetti bħall-EuroMatrix u l-EuroMatrixPlus (mill-2006) u iTranslate4 (mill-2010) li jwettqu riċerka bażika u applikata u jiġġeneraw riżorsi biex jiġu stabbiliti soluzzjonijiet għat-teknoloġija lingwistika ta’ kwalità għolja għall-lingwi Ewropej kollha. Li tanalizza l-proprjetajiet strutturali aktar fondi tal-lingwi huwa l-uniku pass ‘il quddiem jekk irridu nibnu applikazzjonijiet li jaħdmu tajjeb tul il-firxa kollha tal-lingwi tal-Ewropa.

Ir-riċerka Ewropea f’dan il-qasam diġà kisbet numru ta’ suċċessi. Per eżempju, is-servizzi ta’ traduzzjoni tal-Unjoni Ewropea issa jużaw is-softwer ta’ traduzzjoni bil-magni b’sors miftuħ MOSES li ġie prinċipalment żviluppat permezz ta’ proġetti ta’ riċerka Ewropej. F’Malta, l-oqsma tat-teknoloġija lingwistika l-aktar avvanzati bħalissa huma dawk tas-sinteżi tat-taħdit u l-korpora tat-testi: fil-qasam tas-sinteżi tat-taħdit bil-Malti, proġett appoġġjat mill-Gvern parzjalment iffinanzjat mill-fond ta’ żvilupp reġjonali tal-UE qiegħed fil-proċess li jwassal it-teknoloġija tat-taħdit lill-persuni b’diżabiltà. Il-konsorzju, li jikkonsisti f’SME (Crimson Wing Ltd), fondazzjoni (FITA, Fundazzjoni għall-Aċċess tat-TI), u l-Università, wiegħed li dawn ir-riżorsi se jkunu disponibbli għal skopijiet ta’ riċerka. Fil-qasam tal-korpora tat-testi, is-Server għar-Riżorsi Lingwistiċi bil-Malti (MLRS) qed jagħti frott u sforzi sinifikanti li għadhom għaddejjin fl-Università, permezz tal-Istitut tal-Lingwistika (A. Gatt, C. Borg, R. Fabri) u d-Dipartiment ta’ Sistemi Intelliġenti tal-Kompjuter (M. Rosner), li jsostnu u jiżviluppaw dan. Bħalissa il-korpus jinkludi madwar 100M kelma, u hemm aktar għodod ippjanati inkluż tagger għall-kategoriji tal-kliem u ċekkjatur ortografiku.

Jekk inħarsu lejn l-għarfien miksub s’issa, jidher li t-teknoloġija ‘ibrida’ tal-lingwi tal-lum li tħallat metodi ta’ pproċessar fondi ma’ dawk ta’ statistika se tkun tista’ timla’ l-vojt ta’ bejn il-lingwi Ewropej kollha u aktar. Bħalma din is-serje ta’ white papers turi, hemm differenza drammatika fl-istat ta’ prontezza fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ lingwi u l-istat tar-riċerka bejn l-Istati Membri tal-Ewropa. Din il-white paper għall-lingwa Maltija turi li hemm il-potenzjal għal industrija tat-teknoloġija lingwistika u ambjent tar-riċerka f’Malta. Iżda għalkemm numru ta’ teknoloġiji u riżorsi jeżisti, hemm ħafna anqas minn lingwi Ewropej li huma “akbar” u ċertament mhux biżżejjed biex tiġi appoġġjata l-firxa kompleta ta’ applikazzjonijiet sensittivi għall-lingwi li huma disponibbli għal dawk il-lingwi l-oħra.

Skont il-valutazzjoni ddettaljata f’dan ir-rapport, il-kisba ta’ suċċess fit-teknoloġija tal-lingwa Maltija tirrekjedi ċiklu sħiħ ta’ bidliet li jkun jinvolvi fornituri ta’ kontenut, żviluppaturi u utenti tat-teknoloġija lingwistika. Xi bidliet fil-politika tal-lingwa nazzjonali jridu jiġu implimentati qabel ma xi suċċessi għall-Lingwa Maltija jkunu jistgħu jinkisbu.

L-għan fit-tul tal-META-NET huwa li tiġi introdotta teknoloġija lingwistika bi kwalità għolja għall-lingwi kollha sabiex tinkiseb l-unità politika u ekonomika permezz tad-diversità kulturali. It-teknoloġija tkun tgħin biex tkisser l-ostakli eżistenti u jinbnew ir-rabtiet bejn il-lingwi tal-Ewropa. Dan jirrikjedi l-partijiet interessati kollha – fil-politika, ir-riċerka, in-negozju, u s-soċjetà – biex jingħaqdu l-isforzi tagħhom fil-futur.

Din is-serje ta’ white papers tikkumplimenta azzjonijiet strateġiċi oħra meħuda minn META-NET (ara l-appendiċi għal ħarsa ġenerali). Informazzjoni aġġornata bħall-verżjoni attwali tal-vision paper tal-META-NET jew l-Aġenda għar-Riċerka Strateġika (SRA) jistgħu jinstabu fuq il-websajt tal-META-NET http://www.meta-net.eu.